Ursuline Sisters of St. Angela Merici
  • Home
  • About Us
    • Our Charism
    • Our Founder
    • Mother General
    • Our Residential Homes
    • St. Angela Kindergarten
  • Media
    • Photos
    • Articles
  • Ekklesia Sisters
  • Vocations
    • Testimonials
  • Get Involved
  • Donations
  • Contact
  • New Page

“Kemm indum ngħix, nagħmel kemm nista’ biex oħrajn jagħarfu ’l Alla u jberkuh biex ħajti tkun appostolat għal Ġesù Kristu. 
​Jiena lilu, li għex u miet għalija, inżommu b’mudell tiegħi.”

Mons. Isidor Formosa

​Il-Qaddej t'Alla, Mons. Isidor Formosa

Picture

​Il-Fundatur tas-Sorijiet Orsolini, Mons. Isidor dei Conti Formosa, twieled fil-Belt Valletta nhar il-15 ta’ Novembru 1851, fi ħdan familja nobbli iżda ta’ sentimenti nsara qawwija. Il-ġenituri tiegħu kienu s-Sur Salvatore dei Conti Formosa u s-Sinjura Ġużeppina Farrugia Lebrun. Minnhom żgur li ċ-ċkejken Isidor irċieva l-eżempju ta’ l-aqwa virtù, speċjalment li jaħrab l-għażż u li jirrendi ruħu ta’ servizz għall-oħrajn.

Minn ta’ età ċkejkna, Isidor, kien qed jinduna bil-faqar ta’ madwaru u l-konsegwenzi koroh li kienu qed ibatu l-iżjed it-tfal, ħtija ta’ dan il-faqar. Hu fehem u emmen li hu nnifsu kellu ħafna x’jagħti lis-soċjetà fosthom il-għana u l-ġid tal-familja tiegħu. Ħaġ’ oħra hi li minn kmieni beda jberren f’moħħu li jsir qassis. Aktar ’l quddiem din is-sejħa tiegħu ta’ saċerdot għinitu biex ikun jista’ jersaq aktar lejn dawn il-foqra permezz ta’ diversi ħidmiet li wettaq fis-Soċjetà ta’ San Vincenz de Paul fil-Belt. ​
Picture
Minkejja, kif diġà għidt, il-valuri nsara u sodi li għixu bihom il-ġenituri tiegħu, għall-ewwel din l-aħbar ħasdithom u ma tantx aċċettawha tant li Isidor sab oppożizzjoni minnhom. Dan għaliex huma kellhom pjanijiet u prospetti oħra għal Isidor, bħal, nagħtu każ, xtaquh isir tabib jew avukat. Madanakollu, hu baqa’ sod f’din il-fehma u qalilhom li ma kienx biss imħajjar biex isir qassis, imma determinat. Meta raw kemm kien deċiż, huma aċċettaw minn qalbhom din il-vokazzjoni nobbli tiegħu[1]. Għalhekk, f’Mejju 1866, ta’ madwar ħmistax-il sena, hu għamel rikors il-Kurja Arċiveskovili għand l-Arċisqof Paceforno biex jibda din it-triq għas-saċerdozju[2]. Beda tliet snin ta’ servizz bħala kjeriku fil-Kon Katidral ta’ San Ġwann.[3] Fit-23 ta’ Mejju 1866, l-Arċisqof laqa’ r-rikors tiegħu. Mons. Carmelo Scicluna, li kellu jkun Arċisqof ta’ Malta, iddikjara li Formosa jibda jservi f’San Ġwann mis-17 ta’ Ġunju ta’ dik is-sena[4]. Is-Sante Sede ppermettiet li l-aħjar fost is-Seminaristi jieħdu l-gradi fit-Tejoloġija. Isidor kien wieħed minn dawn is-Seminaristi li ngħata din l-opportunità. Wara seba’ snin ta’ studju ta’ letteratura u filosofija, (1866-1873), hu għamel l-eżami biex jiġi ammess fl-Università ta’ Malta li kienet il-Belt. Hu ġie eżaminat fil-lingwi, (Latin, Taljan u Ingliż), Matematika, Fiżika u Filosofija. Isidor mar tajjeb fl-eżami b’mod li fil-15 t’Ottubru 1873, ġie ammess għall-kors akkademiku ta’ l-Università ta’ Malta.[5]

Fit-18 ta’ Settembru 1875, fil-Kappella tal-Palazz Arċiveskovili tal-Belt, Isidor ġie ordnat djaknu mill-Isqof il-ġdid Carmelo Scicluna. Imbagħad, wara ħafna studju u preparazzjoni, f’Diċembru tal-1875, fl-età żgħira ta’ 23 sena, huwa ġie ordnat saċerdot mill-istess Isqof. Minkejja li kien qassis, huwa xorta waħda baqa’ għaddej bl-istudji tiegħu u wara sena u nofs li kien ġie ordnat huwa kiseb id-Dottorat fit-Tejoloġija. 

Wara li lesta l-istudji tiegħu, wera ruħu mimli ħeġġa u żelu għall-ġid spiritwali tal-poplu t’Alla, filwaqt li wera mill-bidu ġibda speċjali lejn il-fqar. Fil-fatt, l-ewwel kamp li kkoltiva b’imħabba u intelett, kien l-Istitut tal-Bon Pastur, imwaqqaf għall-edukazzjoni spiritwali tat-tfal fqar fil-Belt fil-Knisja tal-Vitorja. Dun Isidor daħal għal dan ix-xogħol b’ħeġġa qaddisa u b’imħabba ta’ missier. Kienu tfal nieqsa mill-ewwel elementi ta’ manjieri soċjali, u d-dehra tal-faqar tagħhom kienet iġġiegħlu jħossu li, flimkien mal-ħobż mistiku tal-Kelma, kellu jqassmilhom il-ħobż materjali u jipprovdilhom il-ħwejjeġ, speċjalment fl-okkażjoni ta’ l-Ewwel Tqarbina. Dun Isidor inħatar Direttur ta’ dan l-Oratorju bejn is-snin 1877–1879.

Fl-istess żmien, kien jidderiġi l-katekiżmu li kien isir għall-bniet foqra fil-Knisja ta’ Santa Barbara, il-Belt. Il-katekiżmu f’din il-Knisja kien ġie traskurat ħafna u għalhekk, Dun Isidor fis-sena 1876, ftit ġimgħat wara li kien ġie ordnat saċerdot kompla u saħħaħ il-Kongregazzjoni tal-Figlie di Maria Immacolata. Il-bidu tagħhom tant kien qrib ta’ l-ordinazzjoni tiegħu li 25 sena wara Dun Isidor seta’ jgħidilhom: “Intom, Figlie di Maria, flimkien miegħi, li għalaqt 25 sena saċerdot, qed tiċċelebraw il-ġublew tal-fidda tal-fundazzjoni tagħkom fil-Knisja ta’ Santa Barbara. Qatt ma naqset fikom it-tjubija ta’ l-ewwel snin. Dan hu biżżejjed għat-tifħir li jistħoqqilkom.”[6]

Il-membri tal-Figlie di Maria kienu tfajliet li Dun Isidor ġabarhom flimkien sabiex jgħallimhom, u ’l quddiem kienu jkunu jistgħu jgħaddu t-tagħlim li rċevew mingħandu. F’numru ta’ priedki miktubin ta’ Dun Isidor insibu li hu ħejja formazzjoni soda għall-membri tal-Figlie di Maria. Għaldaqstant bosta tfajliet, aktar ’l quddiem, wieġbu għas-sejħa ta’ ħajja ta’ safa permezz ta’ Ħajja Kkonsagrata wara li kienu rċevew tagħlim sod fi ħdan il-Figlie. 

Kelmiet tiegħu twasslu minn Suor Margherita Camilleri, waħda mill-ewlenin Sorijiet Orsolini: “Jiena kont ili niġbor ix-xebbiet fil-Knisja ta’ Santa Barbara biex inkellimhom fuq il-ħwejjeġ ta’ Alla, u ngħinhom jimxu sewwa fil-ħajja. Kont ġbarthom taħt l-isem ta’ Figlie di Maria biex Marija tkun il-mudell ta’ ħajjithom. Ta’ dawn kont id-Direttur.”[7]

Kontemporanju ta’ Dun Isidor jispjega hekk fuq dawn it-tfajliet: “Dun Isidor sab ruħu f’relazzjoni kontinwa ma xbejbiet ta’ ħajja safja. Lilhom kitibhom f’Kongregazzjoni mwaqqfa minnu bl-isem ta’ Figlie di Maria. F’bosta minnhom, hu kien qed jammira inklinazzjoni għall-ħajja kkonsagrata. Għalhekk hu kien qiegħed iberren f’moħħu x’jista’ jagħmel biex jiftħilhom it-triq għal dan il-għan nobbli.”[8]

Iniedi il-Kumpanija ta’ Sant’ Orsla
B’ħarsa lejn Sant’ Angela u l-Orsolini ta’ żmienu, skont l-aħħar riformi, Dun Isidor għaraf il-bżonn ta’ appostolat bħal dan u għalhekk ried iwaqqaf xi ħaġa tixxibah f’Malta wkoll. Permezz tal-kuntatti li kellu barra minn Malta, għaraf is-siwi tal-ħidma tal-Kumpanija ta’ Sant’Orsla u għalhekk ħabrek biex din tiġi mwaqqfa wkoll fostna hawn Malta. F’artiklu msemmi “Sant’ Angela”, ippublikat fit-3 ta’ Marzu 1884 fir-rivista Il-Bon Pastur, Dun Isidor, wara li jagħti tagħrif qasir fuq il-ħajja tal-qaddisa, jagħmel din il-mistoqsija, “M’għandux ikollna aħna wkoll Istitut ta’ xebbiet operari u ta’ ġid tant kbir lil sħabhom u lill-poplu, f’dan il-pajjiż li hu dispost għal kull xorta ta’ ġid? Iva u nittamaw li ma ndumux ikollna aħna wkoll il-Kumpanija ta’ Sant’ Orsla b’tant xebbiet li huma jistgħu bla ma jħallu djarhom, ikunu f’dan l-Ordni hekk nobbli ta’ l-ulied ta’ Sant’ Angela Merici. Ġa din it-talba għall-gżira tagħna saret mill-ulied ta’ Sant’ Angela fi Brescia fuq il-qabar tagħha, u l-protezzjoni tagħha u l-opra ta’ dawn ix-xebbiet, hi msejjħa f’dawn iż-żminijiet fuq id-dinja kollha kontra l-għedewwa tal-Knisja, ta’ l-insara, tal-Papa u tar-religjon.”

B’hekk Dun Isidor beda jħejji xbejbiet għall-ħajja konsagrata aktar intensa. Il-membri tal-Kumpanija, waqt li jibqgħu lajċi kienu jgħixu fi djarhom u wara żmien ta’ riflessjoni, kienu jintrabtu bil-vot ta’ kastità għal sitt xhur. Imbagħad, dan jibqgħu iġedduh minn sitt xhur għal sitt xhur. Bħala talb kienu obbligati jgħidu l-Uffiċċju ż-żgħir ta’ l-Immakulata li kien jissejjaħ ta’ Patri Rodriguez.[9] Huma kienu marbutin josservaw ir-Regola ta’ Sant’ Angela approvata mill-Papa Pawlu III bil-Bolla Regimini Universalis Ecclesiae bid-data tad-9 ta’ Ġunju 1544.[10] L-approvazzjoni ta’ din il-Kumpanija ta’ Sant’ Orsla f’Malta ġiet minn Mons. Arċisqof Carmelo Scicluna bid-data tat-30 ta’ Mejju 1884 u tgħid hekk: “Bis-setgħa tagħna, nirrikonoxxu din il-Konfraternità ta’ Sant’ Orsla. Niddikjarawha mwaqqfa skont il-liġijiet tal-Knisja f’din id-djoċesi. Napprovaw l-istatuti tagħha biż-żidiet u tibdil kif hemm fir-rikors. Ninnominaw ukoll lil Dun Isidor bħala Rettur tagħha.”[11] Fis-7 ta’ Frar 1884, għalkemm kien għad m’hemmx l-approvazzjoni tal-Knisja, l-ewwel tnejn għamlu l-wegħda tagħhom ’l Alla fil-privat, f’idejn Dun Isidor. Imbagħad fis-19 ta’ Marzu ta’ l-istess sena, hu laqqagħhom fl-Oratorju msejjaħ tas-Secreta li jmiss mal-Knisja tal-Ġiżwiti, l-Belt. Għandna dokumentat il-ferħ kbir ta’ Dun Isidor fl-okkażjoni ta’ l-ewwel Professjoni ta’ l-ewwel membri tal-Kumpanija. F’ittra li kiteb lill-Orsolini ta’ Brescia, hu jistqarr, “Il-kumpanija tagħna tista’ fl-aħħar tkanta vittorja. ...Tassew li l-ewwel Sorijiet kien baqgħalhom xi ftit żmien ieħor biex itemmu s-sena tan-Novizzjat, iżda ċ-ċirkustanzi kienu qed jagħfsu. Il-Professjoni saret fis-17 ta’ dan ix-xahar t’April li wasal biex jintemm, ippreseduta minn tridu ta’ eżerċizzi spiritwali.”[12]

Ta’ min jinnota li kien għad fadal 23 sena biex jitwaqqaf il-Museum ta’ San Ġorġ Preca, iffurmat minn membri impenjati li jwiegħdu il-kastità fil-waqt li jibqgħu lajċi fi djarhom. Dawn ix-xebbiet tal-Kumpanija kienu jimpenjaw ruħhom fis-soċjetà billi jwettqu opri tal-ħniena ma’ nies żvantaġġjati: iżuru l-morda, jgħallmu d-duttrina lill-kbar u lil dawk li kienu torox u muti, iwiddbu lill-midimbin, isewwu tgħawwiġ ta’ kuxjenzi u ħwejjeġ bħal dawn. Dan l-appostolat kien dejjem jitwettaq taħt l-ubbidjenza tas-superjuri.

Fl-ewwel novizzjat kienu ġew stabbiliti tliet regolamenti meqjusa bħala fundamentali: l-adorazzjoni perpetwa, żjajjar lill-morda u ħarsien tar-relikwi qodma. Il-ħsieb ta’ Dun Isidor kien li permezz ta’ l-adorazzjoni perpetwa ssir riparazzjoni lil Ġesù Sagramentat għall-offizi li jsiru minħabba s-setet, primarjament dik tas-setta mażonika. Huma stess, permezz ta’ dawn l-adorazzjonijiet, kienu jsibu s-saħħa spiritwali u l-qdusija personali tagħhom. Aktar ’l quddiem, fis-sena 1928, insibu lil Mons. Isidor Formosa jintroduċi lil dawn il-membri tal-Kumpanija forma oħra ta’ ħidma. Din kienet tikkonsisti filli dawn ix-xebbiet tal-Kumpanija, jgħallmu lit-tfajliet is-sengħa tal-ħjata, rakkmu u ħwejjeġ simili flimkien mal-katekiżmu nisrani.  Il-ħerqa tagħhom, bil-permess u l-barka ta’ l-Arċisqof, għamlet għeruq u tat ħafna frott.

It-twelid tal-kongregazzjoni tas-Sorijiet Orsolini
Il-poplu ta’ kull ġens dejjem intlaqat profondament mill-ħidma ta’ dawk li mingħajr ma jagħmlu għall-flus, jintefgħu biex jgħinu lil min ikun fil-bżonn. Il-poplu Malti ma ntlaqatx wisq mill-ħajja ta’ talb u mill-adorazzjoni perpetwa tal-membri tal-Kumpanija ta’ Sant’ Orsla. Il-Maltin aktar kienu qed josservawhom u jaraw b’għajnejhom il-ġid li kienu qed jagħmlu fost il-kbar u ċ-ċkejknin milqutin minn xi problema tal-ġisem jew tar-ruħ. Ħafna li ħarsu lejhom b’ammirazzjoni ma kinux qed jintebħu li d-dedikazzjoni għall-ġid temporali kellha bħal fjamma spiritwali li tinżamm tixgħel, u tnessi s-sagrifiċċji u t-toqol tal-ħajja. Aktar m’għadda ż-żmien, aktar il-membri tal-Kumpanija ta’ Sant’ Orsla, imqanqlin minn Dun Isidor, ħassewhom magħqudin dejjem iżjed bejniethom, ħaġa li ssuktat tressaqhom lejn Alla. L-opra tagħhom, tant bżonnjuża għall-poplu, setgħet timxi aktar ’l quddiem jekk jorganiżżaw ruħhom aħjar. Minħabba l-fatt li Dun Isidor kellu aċċess mill-qrib tal-fqar u s-sitwazzjoni tagħhom, huwa seta’ jagħraf kif jirrimedja għal tant faqar speċjalment fost ommijiet żgħar li kienu impediti milli joħorġu jaħdmu barra mid-dar minħabba li riedu jieħdu ħsieb it-trabi tagħhom. Din il-forma ta’ appostolat kienet waħda mir-raġunijiet primarji għaliex it-tliet membri tal-bidu ingħaqdu bħala komunità biex b’hekk setgħu jlaħħqu iżjed mad-domanda.

Kellha tkun il-kelma soda tiegħu li ċaqalqithom biex jieħdu azzjoni. Huwa nnifsu kien jgħid li tlieta minnhom tħajru jilqgħu l-proposta tiegħu u jagħtu bidu għall-Kongregazzjoni Kolleġġjali tas-Sorijiet Orsolini. Kliem Dun Isidor jgħid hekk: “Kienu jħossuhom imħajjrin iħallu d-dinja biex jidħlu fil-ħajja reliġjuża.”[13] Dawn it-tlieta kienu, Marjanna Camilleri (Professa), Ġużeppina Tonna (Novizza) u Maria Tereża Zammit (Postulanta).

Id-Djoċesi ta’ Malta minħabba l-marda gravi ta’ l-Arċisqof Scicluna ġiet afdata f’idejn il-Kapuċċin Monsinjur Anton Buhagiar bit-titlu ta’ Amministratur Appostoliku. Għalhekk, Dun Isidor mar kellem lilu fuq l-intenzjonijiet tiegħu u aktar tard hu tenna jgħid: “L-Istitut tagħna twieled f’dirgħajh!”[14] Il-Fundatur ma tilifx żmien malli l-Isqof tah il-permess. Għalhekk hu ssokta jgħid: “Wara li tani l-permess, krejt dar fi Strada Ospedali, l-Belt. Fl-4 ta’ Mejju 1887, iltaqgħu għall-ewwel darba f’din id-Dar.”[15] Kienet f’numru 48 u ġiet iddedikata lil San Ġużepp. Aktar milli bħala Fundatur jew Rettur, Dun Isidor, ried iġib ruħu ta’ missier ma’ dawk ix-xbejbiet. Meta kien ikellimhom hu kien ifissrilhom kemm kienet kbira x-xewqa tiegħu li huma jipperseveraw u kien idaħħlilhom l-ispiritwalità ta’ Sant’ Angela Merici. Lil ħajjithom hu xebbahilhom ma’ dik tal-qaddisin aħwa Marta u Marija. Qalbu kienet mimlija bit-tama li dawk it-tlieta tal-bidu ikunu bħal pedament sod għal dik id-Dar ċkejkna ta’ San Ġużepp. 

Fl-20 ta’ Frar 1888, taħt id-direzzjoni ta’ Dun Isidor, ħadu d-deċiżjoni li jagħmlu supplika lill-Isqof Anton Buhagiar li kien għadu Amministratur Appostoliku biex ikollhom l-erezzjoni kanonika bħala Isititut ta’ Ħajja Konsagrata. Is-supplika titlob: li minn lajċi jsiru reliġjużi f’Istitut ta’ Ħajja Konsagrata, li jkollhom abitu reliġjuż u li jgħixu taħt ir-Regola ta’ Santu Wistin, il-Kostituzzjonijiet ta’ Sant’ Angela Merici u d-direttorju ta’ l-istess Dar. Esprimew ix-xewqa kbira li kellhom li jipprofessaw voti sempliċi li jkunu jistgħu jiġu maħlula mingħajr ma jirrikorru lejn is-Santa Sede. Wara tliet snin jagħmlu l-Voti Perpetwi iżda dejjem Sempliċi. L-Isqof Anton Buhagiar ta l-erezzjoni kanonika lill-Orsolini Maltin ta’ Sant’ Angela Merici permezz tad-digriet tal-15 ta’ Marzu 1888.[16]

Qabel ma ġiet l-approvazzjoni tal-Knisja, Dun Isidor, beda jħejji l-kostituzzjonijiet. Kienu statuti li diġà bdew juruhom bħal Sorijiet ta’ Ħajja Konsagrata bil-voti ta’ kastità, faqar u ubbidjenza. Issejħu bħala Istitut ta’ Orsolini Kulleġġjali għall-fatt li kienu jgħixu flimkien. L-Istitut kellu skop tassew li jeżisti għaliex sa mill-bidunett kien itaffi tant tbatija fost it-tfal. Is-sorijiet rebħu l-fiduċja ta’ l-ommijiet li ma beżgħux jafdaw lil uliedhom f’idejn dawn is-sorijiet għaliex kienu jaraw mill-bidunett il-ġid li kien isir ma’ uliedhom. Is-sorijiet tad-Dar ta’ San Ġużepp ingħataw ukoll għat-tagħlim tal-foqra li minħabba ċerti raġunijiet ma setgħux jattendu l-iskejjel tal-gvern. Huma kienu jgħallmu lit-tfal il-qari, il-kitba u kif iwettqu diversi ħidmiet fid-dar, minbarra tagħlim sostanzjali ieħor biex jgħixu ħajja nisranija eżemplari. Permezz ta’ diversi publikazzjonijiet, Dun Isidor kien iqajjem għarfien ta’ din il-ħidma fost dawk li setgħu ikunu benefatturi tagħha. Huwa kiteb lis-sorijiet tal-bidu biex: “Jagħmlu ħilithom kollha kemm hi biex ikunu ta’ ġid għall-oħrajn u jgħinuhom jaslu għall-perfezzjoni. Dan jagħmluh bl-eżempju tajjeb tagħhom, bit-tagħlim tad-duttrina nisranija lill-bniet u billi jgħallmuhom ukoll jgħixu ħajja tajba. Jagħmluh ukoll billi jitħarrġu, skont kemm jippermettilhom l-istat tagħhom, fl-opri l-oħrajn ta’ tjieba u ħniena lejn il-proxxmu.”[17]

Kien diġà qed jidher ċar li l-Orsolini Kolleġġjali bdew jitħejjew biex igħixu ħajja konsagrata skont kif tifhimha l-Knisja. Il-fundatur mhux biss kien iħarishom u jgħinhom, imma baqa’ jaħdem bla mistrieħ biex isibilhom benefatturi li jkunu ta’ sosten finanzjarju ta’ proġett li kien jitlob fondi konsiderevoli. 

Ftit wara li twaqqfet din id-Dar, l-Isqof Anton M. Buhagiar, ħatar lil Dun Isidor Monsinjur tal-Katidral. Dan it-titlu tah l-opportunità biex jgħin iżjed lil min kien batut. Meta resaq lejn dawk li fi żmienu kienu meqjusin bħala kbar, dan għamlu biex jakkwista xi ħaġa minn għandhom għall-għeżież tiegħu. Dawn kienu l-foqra, il-morda, l-isfortunati, u naturalment il-membri ta’ l-istituzzjonijiet li kienu marbutin ma’ qalbu.[18]

Prova iebsa u ta’ niket li nisslet taqbida kbira f’Dun Isidor, żgur li kienet meta d-dawl ta’ għajnejh beda jħallih bil-mod il-mod. Dan kien għalih salib tqil ħafna. Xejn ma kienet facli li jirrasenja ruħu tant li xtaq li ħadd ma jinduna b’dak li kien qed iġarrab. Nistgħu tassew ngħidu li din kienet il-prova l-iżjed tremenda ta’ ħajtu. Wara l-moħħ, l-għajnejn huma l-aqwa don li Alla jagħti lill-bniedem u għal Dun Isidor għajnejh kienu prezzjużi ħafna biex seta’ jwettaq il-ħidma tiegħu ta’ kuljum. Ir-rieda t’Alla kienet li dan il-kalċi hu jixorbu bl-imrar tiegħu kollu u hu għaraf tassew jintelaq f’idejn Alla. Minkejja dan l-ostaklu huwa xorta waħda baqa’ jippriedka b’ħafna ħeġġa l-aktar lis-sorijiet tiegħu u baqa’ għaddej bil-ħidmiet tiegħu favur il-fqar, tant li deher f’għajnejn kulħadd bħala wieħed tassew straordinarju.[23] 

Punti ta’ spiritwalita' li Mons. Isidor Formosa ghadda lis-Sorijiet Orsolini:
• Tagħlim ta’ Sant’ Angela Merici;
• Ubbidjenza perfetta;
• Spirtu ta’ talb;
• Imħabba lejn il-mortifikazzjoni li jwassal għall-virtù;
• Imħabba u qadi lejn it-tfal li fihom naraw lil Ġesù Kristu;
• Umiltà waqt li nagħmlu l-ġid għall-glorja t’Alla.

Devozzjonijiet proponuti minnu:
• Lejn l-Adorazzjoni Ewkaristika;
• San Ġużepp;
• Il-Qalb ta’ Ġesù;
• Il-Wiċċ ta’ Kristu.


REFERENZI
• Il-Bibbja, Malta: Għaqda Bibblika Maltija 1996
• Gaudium et Spes, Dokument Konċiljari, 7 ta’ Diċembru 1965
• Dawl Fid-Dlam, editjat Mis-Sorijiet Orsolilni fl-okkażjoni tal-110 sena mit-twaqqif tagħhom, 1887 - 4 ta’ Mejju - 1997
BIBLIOGRAFIJA
• Barbara, Val. V. Trad. Santu Wistin – Id-Diskors Tal-Mulej fuq Il-Muntanja. Pubblikazzjoni Provinċja Agostinjana 1999
• Bonnici, Alexander OFM Conv. Mons. Sidor Formosa (1851-1931). 1991
• Spiteri, Donat OFM Cap. Ħenjin Intom. Pubblikazzjoni Lumen Christi, 2005
• Luz, Ulrich. The Theology of the Gospel of Matthew. Cambridge University Press 1993
• Margoni, Alberto. Angela Merici, The intuition of the secular spirituality. Rubbettino Editore 2004
Footnotes
[1]    A.Ċ.O., Ġuże Cardona, xogħol inedit, Dun Sidor f. 3-4
[2]    A.Ċ.O., Rikors tal-1866 lill-Arċisqof Paceforno
[3]    A.Ċ.O., Rakkomandazzjoni ta’ P. Salv Pace OP, mar-rikors lil Paceforno biex Isidor Formosa iservi f’San  Ġwann
[4]    A.Ċ.O., Rikors tal-1866 lill-Arċisqof Paceforno. L-istess rikors fih ir-rakkomandazzjoni tal-Kappillan, 
        it-tweġiba pożittiva ta’ l-Arċisqof u d-dikkjarazzjoni ta’ Mons. Scicluna.
[5]    Università ta’ Malta, Registri anno accad. 1873-1874
[6]    Formosa, Isidor. Un Piccolo Omaggio a Gesù Redentore, 1901, p. 8-9
[7]    JMSDB. “Mitsena ta’ Talb, ta’ Ħidma: Is-Sorijiet Orsolini ta’ Malta”, Bulettin Sależjan, N.100 (Marzu/April 1987), p. 12
[8]    Farrugia, Mons. Alwig. Kelmtejn fuq il-Ħajja ta’ Mons. Sidor Formosa DD. 19 ta’ Frar 1931 (Għeluq ix-xahar mill-mewt tiegħu)
[9]    A.A.M. Suppl., 1844, f.241
[10]   Margoni,  Alberto. Angela Merici, The intuition of the secular spirituality, Rubbettino Editore 2004,  p. 62
[11]   A.A.M., Suppl., 1884, f. 239
[12]   A.Ċ.O., Mons. Isidor Formosa lis-Superjura ta’ l-Orsolini ta’ Brescia, 29 t’April 1885
[13]   JMSDB. “Mitsena ta’ Talb, ta’ }idma: Is-Sorijiet Orsolini ta’ Malta”, Bulettin Sależjan, N.100 (Marzu/April 1987), p. 13 
[14]   Omaggio, 1982, p. 13
[15]   Ibid., 1893, p. 7
[16]   A.A.M., Supp.  271, (1888) 
[17]   Cost., 1892, c. I, n. 1, p. 5
[18]   A.Ċ.O., Ġuże Cardona, xogħol inedit, Dun Sidor Formosa, op.cit., f. 17
[19]   Mattew 5,1-12
[20]   Mattew 7,24-27
[21]   Koħèlet 1,14
[22]   Farrugia, Mons. A.A. Omelija f’għeluq ix-xahar minn mewtu, 9 ta’ Frar 1931
[23]   Ibid., p.15
[24]   Mattew 9,13
[25]   Ibid., 25,31-40
[26]   Formosa, Isidor. Omaggio a Gesù Redentore, 1901 
[27]   Mattew 11,29
[28]   Formosa, Isidor. (Kitba awtografa u inedita) Purezza d’Intenzione. Ff. 16v-17r
[29]   Dok. Kon., Gaudium et Spes, 7 ta’ Diċembru 1965, nru. 72
[30]   Luz, Ulrich. The Theology of the Gospel of Matthew, Page 56
[31]   Luqa 6,23
[32]   A.Ċ.O., Dun Isidor Formosa, Korrispondenza u Kitbiet, f. 29 v.

Powered by Create your own unique website with customizable templates.
  • Home
  • About Us
    • Our Charism
    • Our Founder
    • Mother General
    • Our Residential Homes
    • St. Angela Kindergarten
  • Media
    • Photos
    • Articles
  • Ekklesia Sisters
  • Vocations
    • Testimonials
  • Get Involved
  • Donations
  • Contact
  • New Page