Ursuline Sisters of St. Angela Merici
  • Home
  • About Us
    • Our Charism
    • Our Founder
    • Mother General
    • Our Residential Homes
    • St. Angela Kindergarten
  • Media
    • Photos
    • Articles
  • Ekklesia Sisters
  • Vocations
    • Testimonials
  • Get Involved
  • Donations
  • Contact
  • New Page

Il-Karizma tas-Sorijiet Orsolini

We apologise for any incovenience caused, an english version will soon be available
"Ilsien it-tarbija tal-ħalib, weħel mas-saqaf 
ta’ ħalqha, minħabba l-għatx; 
it-tfal jittallbu l-ikel imma ma jagħtihom ħadd."
                                                                                   Lam. 4,4
Picture
Il-motto tagħna bħala sorijiet Orsolini huwa dan:  TALB, ĦIDMA u SAGRIFIĊĊJU.

Dawn huma tlett aspetti li aħna bħala sorijiet Orsolini ngħixu fil-ħajja tagħna ta’ kuljum u ndaħħluhom f’dak kollu li ngħidu u f’dak kollu li nagħmlu bħala veri persuni kkonsagrati, bħala veri għarajjes ta’ dak l-istess Kristu li sejħilna lkoll biex nimxu warajh aktar mill-qrib. Din hija sejħa li  Ġesù jagħmel lil xi wħud biex jagħtu ħajjithom kollha Lilu, billi jgħixu għalih biss, fi ħdan ordni jew kongregazzjoni partikulari. Hija sejħa biex ikunu iktar xebh ma’ Kristu u jagħmlu lil Kristu preżenti fid-dinja tal-lum. Fil-każ tagħna bħala Sorijiet Orsolini.

Il-kariżma fundamenatali  tagħna hija li nieħdu ħsieb dawk it-tfal li ma jistgħux ikunu jgħixu mal-familji naturali tagħhom minħabba diversi problemi u diffikultajiet.  Fuq kollox aħna kontinwament nippruvaw nagħtu lil dawn iċ-ċkejknin tagħna ħafna u ħafna mħabba fil-waqt li niftakru spiss fi kliem Ġesù meta qalilna, ‘Kulmin jilqa’ wieħed minn dawn iċ-ċkejknin minħabba f’ismi, ikun jilqa’ lili.’ (Mk. 9:37)

Għalhekk rajna kif il-Kongregazzjoni tagħna tas-Sorijiet Orsolini ġiet imwaqqfa bl-għan ewlieni li tkun ta’ għajnuna għat-tfal u għall-ġenituri foqra. L-ewwel sorijiet Orsolini kienu jżommu t-tfal ta’ dawk l-ommijiet li kienu jmorru jaħdmu matul il-ġurnata biex jaqilgħu l-ħobża ta’ kuljum u li ma kienx għal  dawn is-sorijiet, dawn it-tfal kienu jqattgħu ġranet jiġru ’l hawn u ’l hinn, b’dannu għal saħħithom u min jaf kemm kienu jiġbru eżempji ħżiena mit-toroq. Ma kenitx faċli għalihom li jieħdu ħsieb u jitrattaw ma’ tfal bħal dawn u spiss dan kien jitlob minnhom impenn u sfida mhix żgħira. Huma ma kienx jinteressahom biss li joħorġuhom u jaqilgħu lil dawn it-tfal minn dawk l-ambjenti ħżiena u ta’ periklu kemm għal saħħithom kif ukoll moralment. Kienu jridu jgħinuhom, fuq kollox, jibnu lilhom infushom biex jiżviluppaw fihom valuri sodi li jservuhom għal ħajjithom kollha u jagħrfu jieħdu responsabiltajiet u deċiżjonijiet għaqlin fil-ġejjieni. Mons. Isidor jista’ jitqies bħala pijunier, wieħed mill-ewlenin li ħaseb joffri għajnuna ta’ dan it-tip fis-soċjeta` Maltija f’dan ir-rigward u joqgħodu tant tajjeb għalih il-kliem li nsibu fil-Ktieb tal-Proverbji, “Min hu qalbu tajba jkun imbierek, għax hu jaqsam ħobżu ma’ min hu fqir;” (22,9) kif ukoll, “Il-ġust jagħraf drittijiet il-fqajrin, imma l-ħażin dan ma jifhmux.” (29,7) 

Kemm kien ikun kuntent f’dawk l-ewwel żmenijiet  Mons. Isidor Formosa jara lil dawn iċ-ċkejknin, miġburin, maħbuin u kkurati minn dawn is-sorijiet Orsolini tant li kien itenni spiss:

"BĦAL FI ĦDAN OMM KOLLHA MĦABBA HEKK IT-TFAL ZGĦAR FUQ DIRGĦAJN SORU ORSOLINA"

Dan is-sentiment huwa rifless mid-dixxipli tiegħu li jsegwu t-tradizzjoni mwaqqfa mill-bidu. U għal dan il-għan għadna tant magħrufin tajjeb aħna s-sorijiet Orsolini fi xtutna, u issa wkoll lil hinn minn xtutna, għat-trobbija u għall-kura ta’ tant u tant tfal li għal diversi raġunijiet ma jistgħux jgħixu mal-familji tagħhom. It-tfal iġibuhom għandna biex nieħdu ħsiebhom għaliex għal xi raġuni jew oħra, il-ġenituri tagħhom ma jkunux jistgħu jieħdu ħsiebhom huma. Jista’ jkun li l-ġenituri tagħhom ikunu morda, jew ikunu qegħdin il-ħabs, jew tfal b’ġenitur wieħed, jew inkella ta’ ġenituri separati b’tant inkwiet u ġlied fil-familji. Jiġu għandna wkoll minħabba li jkunu ġew abbużati – sesswalment, fiżikament u mentalment. Bħalissa għandna wkoll numru ta’ tfal ta’ dawk ir-refuġġjati li jaslu fi xtutna minħabba l-ġlied u l-inkwiet li għandhom fil-pajjiżi tagħhom. Tibdil sar, għax fejn fi żmien il-Fundatur l-iskop kien li jtaffi tant tbatija fost it-tfal li jsibu ruħhom f’sitwazzjonijiet diffiċli, illum ukoll dan l-iskop għadu jiġi mħares b’differenza li t-tfal illum ma jinżammux biss matul il-ġurnata imma noffrulhom kenn ta’ 24 siegħa kuljum. Bħall-ewwel sorijiet Orsolini inżommu wkoll tfal ta’ dawk l-ommijiet li jmorru jaħdmu matul il-ġurnata biex jaqilgħu il-ħobża ta’ kuljum. 

Aħna qed nibbenefikaw minn dawn it-tradizzjonijiet sani kemm spiritwalment biex nixhdu għall-kontribut li ta l-fundatur tagħna lill-Knisja lokali u kemm fil-qasam tal-kura tat-tfal biex dawn jieħdu mill-ġid tal-eżistenza u l-ħidma tal-kura tagħna. Il-mira tal-ħidma tagħna kienet, għadha u tibqa’ dejjem lejn it-tfal żvantaġġjati biex permezz tas-servizz li nagħtuhom ngħinuhom jiffurmaw ruħhom sa mill-bidu tal-ħajja tagħhom u jaslu biex ikunu persuni sħaħ fis-soċjeta`. Is-sorijiet jitħarrġu u jinfurmaw ruħhom fil-qasam tal-kura tat-tfal biex aktar ikunu aġġornati, ppreparati u mhejjija tajjeb għall-isfidi li tippereżentalhom din il-forma ta’ ħidma. 

L-appostolat tagħna nwettquh ukoll fil-qasam tal-iskejjel, f’dak kateketiku u f’oqsma oħra f’Malta u barra, kif kienet il-kariżma u x-xewqa tal-Fundatur, li wera f’ittra għażiża lill-ewwel novizzi tal-Kongregazzjoni (1889): “Meta niftaħ il-ktieb tar-rikordji ta’ Sant’ Angela, fl-ewwel rikordju nsib li tgħid hekk: ‘Fil-ħniena tiegħu, Alla ried jinqeda bikom bħala strumenti għall-glorja t’Alla, u dan għamlu Alla biex ikun jista’ jgħanikom iżjed. Għaldaqstant, hu m’għażilkomx biex tfittxu l-paċi u l-kwiet tagħkom, anqas biex tħabirku żżejjed biex issiru qaddisin, imma Alla jrid li tagħtu rwieħkom biex tagħmlu dak li hu jrid minnkom u biex tfittxu l-glorja tiegħu fost il-bnedmin, fost it-tfajliet, fost l-injoranti, fost il-ħżiena u fost kulħadd.’ Araw jekk dan jogħġobkomx u itolbu ’l Alla jgħinkom. Inberikkom.”

U nagħmlu x’nagħmlu, dejjem u kontinwament fuq kollox nipprovaw nagħtu lil dawn iċ-ċkejknin tagħna ħafna u ħafna mħabba u waqt ix-xogħol tagħna magħhom spiss niftakru fi kliem Ġesù meta qalilna, ‘Kulmin jilqa’ wieħed minn dawn iċ-ċkejknin minħabba f’ismi, ikun jilqa’ lili.’ (Mk. 9,37) Għax dak kollu li nagħmlu magħhom aħna rridu nkunu konvinti u nemmnu li qed nagħmluh ma’ Ġesù stess. 


Powered by Create your own unique website with customizable templates.
  • Home
  • About Us
    • Our Charism
    • Our Founder
    • Mother General
    • Our Residential Homes
    • St. Angela Kindergarten
  • Media
    • Photos
    • Articles
  • Ekklesia Sisters
  • Vocations
    • Testimonials
  • Get Involved
  • Donations
  • Contact
  • New Page